Ir-Raba’ Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: Dewt 18:15-20
Salm: 94 (95):1-2,6-7,8-9
It-Tieni Qari: 1 Kor 7:32-35
L-Evanġelju: Mk 1:21-28
F’dak iż-żmien, Ġesù u d-dixxipli tiegħu daħlu Kafarnahum. Malajr, f’jum is-Sibt, daħal fis-sinagoga u qagħad jgħallem. In-nies baqgħu mistagħġbin bil-mod tat-tagħlim tiegħu, għax beda jgħallimhom bħal wieħed li għandu s-setgħa, u mhux bħall-kittieba.
Mela jkun hemm fis-sinagoga tagħhom raġel bi spirtu ħażin u qabad jgħajjat u jgħid: “Aħna x’għandna x’naqsmu, Ġesù ta’ Nazaret? Ġejt biex teqridna? Jien naf min int: Il-Qaddis ta’ Alla!” Imma Ġesù kkmandah: “Iskot! Oħroġ minnu!” Imbagħad l-ispirtu ħażin lir-raġel beda jħabbtu ħafna, għajjat għajta kbira u ħareġ minnu.
U lkoll stagħġbu, u bdew jistaqsu lil xulxin u jgħidu: “Dan x’inhu? X’tagħlim ġdid mogħti bis-setgħa! Sa lill-ispirti ħżiena jikkmanda, u huma joqogħdu għalih?” U l-fama tiegħu malajr xterdet mal-inħawi kollha tal-Galilija.