Ir-Raba’ Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: Sof 2:3; 3:12-13
Salm: 145 (146):7,8-9a,9bc-10
It-Tieni Qari: 1 Kor 1:26-31
L-Evanġelju: Mt 5:1-12a
F’dak iż-żmien, kif ra l-folol, Ġesù tala’ fuq il-muntanja, qagħad bilqiegħda, u resqu lejh id-dixxipli tiegħu. Fetaħ fommu u qabad jgħallimhom u jgħid:
“Henjin il-foqra fl-ispirtu, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
Henjin l-imnikkta, għax huma jkunu mfarrġa.
Henjin ta’ qalbhom ħelwa, għax huma jkollhom b’wirthom l-art.
Henjin dawk li huma bil-ġuħ u bl-għatx tal-ġustizzja, għax huma jkunu mxebbgħin.
Henjin dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena.
Henjin dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw lil Alla.
Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejħu wlied Alla.
Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
Henjin intom, meta jgħajrukom u jippersegwitawkom u jaqilgħu kull xorta ta’ ħażen u gideb kontra tagħkom minħabba fija.
Ifirħu u thennew, għax ħlaskom kbir fis-smewwiet”.