Ir-Raba’ Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Qari tal-jum

L-Ewwel Qari: Ġer 1:4-5,17-19
Salm:
Salm 70(71):1-2,3-4a,5-6ab,15ab,17
It-Tieni Qari:
1 Kor 12:31; 13:1-13

L-Evanġelju: Lq 4:21-30

F’dak iż-żmien Ġesù qal lin-nies fis-sinagoga: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu”. U lkoll laqgħu kliemu u stagħġbu għall-kliem mimli ħlewwa li kien ħiereġ minn fommu u bdew jgħidu: “Dan mhuwiex bin Ġużeppi?”. 

Iżda hu qalilhom: “Żgur li se tgħidu għalija dan il-proverbju: ‘Tabib, fejjaq lilek innifsek. Dak kollu li smajna li ġara f’Kafarnahum agħmlu hawn f’pajjiżek ukoll!’”. U żied jgħidilhom: “Tassew, ngħidilkom, ebda profeta ma jilqgħuh tajjeb f’pajjiżu. Għax, ngħidilkom is-sewwa, kien hemm bosta romol f’Iżrael fi żmien Elija meta s-sema baqa’ tliet snin u sitt xhur magħluq u waqa’ ġuħ kbir fil-pajjiż kollu; madankollu għand ħadd minnhom ma ntbagħat Elija, imma għand waħda armla minn Sarefta ta’ Sidon. U kien hemm bosta lebbrużi f’Iżrael fi żmien il-profeta Eliżew, imma ħadd minnhom ma ġie mfejjaq ħlief Nagħman tas-Sirja”.

Meta semgħu dan fis-sinagoga kulħadd imtela bil-korla; qamu, u ħarġuh ’il barra mill-belt, ħaduh fuq xifer ta’ rdum tal-għolja li fuqha kienet mibnija l-belt tagħhom, u riedu jixħtuh minn hemm fuq għal isfel. Iżda hu għadda minn ġo nofshom u baqa’ sejjer.