Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: Ġen 49, 29-33; 50, 15-26a
Salm: 104 (105), 1-2.3-4.6-7
L-Evanġelju: Mt 10, 24-33
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-Appostli tiegħu: “Ma hemmx dixxiplu aqwa mill-imgħallem, anqas ilsir aqwa minn sidu. Biżżejjed għad-dixxiplu jekk joħroġ jixbah lill-imgħallem tiegħu u l-ilsir lil sidu. Jekk lil sid id-dar tawh il-laqam ta’ Begħelżebul, kemm aktar lin-nies ta’ daru!
Għalhekk la tibżgħux minnhom. Għax xejn ma hu mgħotti li ma jinkixifx, u xejn ma hu moħbi li ma jsirx magħruf. Dak li jien ngħidilkom fid-dlam għiduh fid-dawl, u dak li ngħidilkom f’widnejkom xandruh minn fuq il-bjut.
U tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem bla ma jistgħu joqtlu r-ruħ; imma aktar ibżgħu minn dak li jista’ jeqred kemm ir-ruħ u kemm il-ġisem fl-infern.
Żewġ għasafar tal-bejt mhux b’ħabba jinbiegħu? U b’danakollu anqas wieħed minnhom ma jaqa’ fl-art mingħajr ir-rieda ta’ missierkom. Intom imbagħad sax-xagħar ta’ raskom kollu hu
magħdud. Mela xejn la tibżgħu; intom aqwa minn ħafna għasafar tal-bejt!
Kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li hu miegħi, jien ukoll nistqarr li jiena miegħu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet. Iżda min jiċħad lili quddiem il-bnedmin, jien ukoll niċħad lilu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet”.