Qari tal-jum

L-Ewwel Qari: Ġen 28:10-22a
Salm:
90 (91):1-2,3-4,14-15ab

L-Evanġelju: Mt 9:18-26

F’dak iż-żmien, resaq lejn Ġesù wieħed mill-kapijiet, inxteħet f’riġlejh u qallu: “Binti iss’issa għadha kemm mietet. Imma int ejja qiegħed idek fuqha u hija tgħix”. Ġesù qam u mar warajh flimkien mad-dixxipli tiegħu.

Mela waħda mara, li kienet ilha tnax-il sena sħaħ tbati bit-tnixxija tad-demm, resqet lejh minn wara u messitlu t-tarf tal-libsa, għax bejnha u bejn ruħha qalet: “Imqar jekk immiss il-libsa tiegħu, infiq”

Ġesù dar, lemaħha, u qalilha: “Agħmel il-qalb, binti; il-fidi tiegħek fejqitek”. U minn dak il-ħin stess il-mara fieqet.

Meta daħal għand il-kap, Ġesù ra d-daqqaqa tal-flawt u folla nies jagħmlu storbju sħiħ; u qalilhom: “Warrbu, għax it-tifla mhijiex mejta, imma rieqda”. U qabdu jiddieħku bih. Iżda hu keċċa n-nies ’il barra, daħal, qabad id it-tifla u din qamet. U din l-aħbar xterdet ma’ dak il-pajjiż kollu.