Qari tal-jum

L-Ewwel Qari: Rum 15:14-21
Salm:
97 (98):1,2-3ab,3ċd-4

L-Evanġelju: Lq 16:1-8

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Kien hemm raġel għani li kellu amministratur, u lil dan xlewh lil sidu li kien qiegħed iberbaqlu ġidu. Għalhekk is-sid sejjaħlu u qallu: ‘Dan x’inhu li qiegħed nisma’ fuqek? Agħtini kont tal-amministrazzjoni tiegħek, għax ma tistax tibqa’ iżjed amministratur tiegħi.’

L-amministratur bejnu u bejn ruħu qal: ‘Issa x’sejjer nagħmel, ladarba sidi se jneħħini mill-amministrazzjoni? Immur nagħżaq? Ma niflaħx. Nittallab? Nistħi. Naf x’nagħmel, ħalli meta nitwarrab minn fuq din l-amministrazzjoni, insib lil ħaddieħor li jilqagħni għandu.’

U wieħed wieħed bagħat għal dawk li kellhom jagħtu lil sidu. ‘Kemm għandek tagħtih lil sidi?’ staqsa lill-ewwel wieħed. ‘Mitt barmil żejt’, wieġbu dak. ‘Oħroġ il-karti tiegħek’, qallu l-amministratur: ‘oqgħod bilqiegħda malajr u ikteb ħamsin.’ Lil ieħor staqsieh: ‘U int, kemm għandek tagħti?’ ‘Mitt xkora qamħ’, wieġbu. Qallu: ‘Oħroġ il-karti tiegħek u ikteb tmenin.’

U s-sid faħħru lil dak l-amministratur ħażin talli ħadem b’rasu. Għax ulied din id-dinja jimxu bil-għaqal aktar minn ulied id-dawl ma’ min hu tal-qatgħa tagħhom.”

Qaddis tal-jum: San Iljun il-Kbir, Papa u duttur tal-Knisja