Qari tal-jum

L-Ewwel Qari: Eżek 2, 8 – 3, 4
Salm: 118 (119), 14.24.72.103.111.131

L-Evanġelju: Mt 18, 1-5.10.12-14

F’dak il-waqt resqu d-dixxipli lejn Ġesù u staqsewh: “Mela min hu l-akbar fis-Saltna tas-Smewwiet?”. Hu sejjaħ lejh tfajjel ċkejken, qiegħdu f’nofshom u qalilhom: “Tassew ngħidilkom, li jekk intom ma terġgħux issiru bħat-tfal iż-żgħar, żgur li ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet. U għalhekk l-ikbar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet huwa dak li jċekken lilu nnifsu bħal dan it-tfajjel żgħir. U kull min jilqa’ tfajjel bħal dan minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili.

Araw li ma tonqsux mill-istima lejn xi wieħed minn dawn iż-żgħar; għax, ngħidilkom, l-anġli tagħhom fis-smewwiet dejjem jaraw wiċċ Missieri li hu fis-smewwiet. Intom x’jidhrilkom? Jekk wieħed raġel ikollu mitt nagħġa u tintiliflu waħda minnhom, ma jħallix id-disgħa u disgħin l-oħra fuq l-għoljiet u jmur ifittex dik li tkun intilfitlu? U jekk jirnexxilu jsibha, tassew ngħidilkom jifraħ iktar biha milli bid-disgħa u disgħin l-oħra li ma jkunux intilfu. Hekk ukoll, anqas Missierkom li hu fis-smewwiet ma jrid li jintilef wieħed minn dawn iż-żgħar”.

Qaddisa tal-jum: Santa Klara, Verġni