Qari tal-jum

L-Ewwel Qari: 2 Ġw 1:4-9
Salm:
118 (119):1,2,10,11,17,18

L-Evanġelju: Lq 17:26-37

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Bħalma ġara fi żmien Noè, hekk ukoll jiġri fi żmien Bin il-bniedem. Kienu jieklu, jixorbu, jiżżewġu u jżewġu, sa dakinhar li Noè daħal fl-arka; imbagħad ġie d-dilluvju u qeridhom ilkoll. L-istess bħalma ġara fi żmien Lot; kienu jieklu, jixorbu, jixtru, ibigħu, iħawlu, jibnu, imma dakinhar li Lot ħareġ minn Sodoma, Alla bagħat xita ta’ nar u kubrit mis-sema u qeridhom ilkoll. Hekk ikun il-Jum li fih jidher Bin il-bniedem.

F’dak il-Jum, min ikun fuq il-bejt u jkollu ħwejġu ġewwa fid-dar, iqis li ma jinżilx jeħodhom; hekk ukoll min ikun fir-raba’, iqis li ma jerġax lura. Ftakru fil-mara ta’ Lot! Min ifittex isalva ħajtu, jitlifha; iżda min jitlifha, isalvaha. Ngħidilkom li, f’dak il-lejl, tnejn ikunu f’sodda waħda: wieħed minnhom jittieħed u l-ieħor jitħalla; żewġ nisa jkunu jitħnu flimkien; waħda minnhom tittieħed u l-oħra titħalla”. Qalulu: “Fejn, Mulej?” U hu weġibhom: “Fejn ikun hemm il-ġisem mejjet, hemm l-isqra jinġabru”.

Qaddis tal-jum: San Martin ta’ Tours, isqof