Qari tal-jum

L-Ewwel Qari: 1 Slaten 12:26-32; 13:33-34
Salm:
105 (106):6-7a,19-20,21-22

L-Evanġelju: Mk 8:1-10

F’dawk il-jiem, peress li reġgħet inġabret kotra kbira u ma kellhomx x’jieklu, Ġesù sejjaħ id-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Nitħassarhom lil dawn in-nies, għax ġa ilhom miegħi tlitt ijiem, u ma għandhom xejn x’jieklu. Jekk inħallihom imorru sajmin lejn djarhom, żgur iħosshom ħażin fit-triq, għax xi wħud minnhom ġew mill-bogħod”.

Id-dixxipli tiegħu weġbuh: “F’deżert bħal dan minn fejn jista’ wieħed ixabba’ lil dawn in-nies kollha bil-ħobż?”. Hu staqsiehom: “Xi kemm għandkom ħobż?”. Qalulu: “Sebgħa”. Imbagħad qal lin-nies kollha jinxteħtu bilqiegħda fl-art, ħa s-seba’ ħobżiet, radd il-ħajr, qasamhom u tahom lid-dixxipli tiegħu biex inewluhom lin-nies, u huma newluhomlhom. U kellhom ukoll xi ftit ħut żgħir; berikhom, u ried li jitnewlu dawn ukoll.

U kielu u xebgħu; u ġabru l-bċejjeċ li kien fadal: sebat iqfief! U kien hemm madwar l-erbat elef ruħ! Imbagħad bagħathom. U minnufih tala’ fuq dgħajsa flimkien mad-dixxipli tiegħu u mar lejn l-inħawi ta’ Dalmanuta.