Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: Efes 1:1-10
Salm: 97 (98):1,2-3ab,3ċd-4,5-6
L-Evanġelju: Lq 11:47-54
F’dak iż-żmien, il-Mulej qal: “Ħażin għalikom! Intom tibnu l-oqbra tal-profeti li qatlu missirijietkom, u b’hekk tagħtu xhieda ta’ kulma għamlu missirijietkom u turu li taqblu magħhom, għax huma qatluhom u intom tibnulhom l-oqbra.
Kien għalhekk li l-Għerf ta’ Alla qal: “Jien nibagħtilhom profeti u appostli, u huma joqtlu u jippersegwitaw lil xi wħud minnhom”. U hekk dan in-nisel ikollu jagħti kont ta’ demm il-profeti kollha li nxtered sa mill-ħolqien tad-dinja, ibda mid-demm ta’ Abel sad-demm ta’ Żakkarija, li qerduh bejn l-altar u s-santwarju. Iva, ngħidilkom, dan in-nisel ikollu jagħti kont! Ħażin għalikom intom l-għorrief tal-Liġi! Intom ħtaftu l-muftieħ tal-għerf, biex imbagħad intom stess ma dħaltux u żammejtu lura lil min ried jidħol”.
Meta Ġesù ħareġ minn hemm, il-kittieba u l-Fariżej bdew irossuh kemm jifilħu b’mistoqsijiet fuq ħafna ħwejjeġ u jonsbuh biex jaraw jaqbdux xi ħaġa minn fommu.