-
-
San Mattija, Appostlu – Festa
San Ġwann 15:9-17
F’dak iż-żmien: Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Kif ħabbni Missieri, hekk ħabbejtkom jiena. Ibqgħu fl-imħabba tiegħi. Jekk tħarsu l-kmandamenti tiegħi, intom tibqgħu fi mħabbti, kif jien ħarist il-kmandamenti ta’ Missieri u qiegħed fi mħabbtu. Għidtilkom dan biex il-ferħ tiegħi jkun fikom, u biex il-ferħ tagħkom ikun fil-milja tiegħu.
Dan hu l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien. Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu. Intom ħbiebi, jekk tagħmlu dak li jiena nikkmandakom. Ma nsejħilkomx aktar qaddejja, għax il-qaddej ma jafx x’jagħmel sidu; sejjaħtilkom ħbieb, għaliex kulma smajt mingħand Missieri jiena għarrafthulkom.
Mhux intom għażiltu lili, iżda jien għażilt lilkom u ħtartkom biex tmorru tagħmlu l-frott u l-frott tagħkom jibqa’, ħalli kulma titolbu lill-Missier f’ismi huwa jagħtihulkom. Dan hu li jiena qiegħed nikkmandakom: li tħobbu lil xulxin.”