Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: Ġen 8:6-13,20-22
Salm: 115 (116):12-13,14-15,18-19
L-Evanġelju: Mark 8:22-26
F’dak iż-żmien, Ġesù u d-dixxipli waslu Betsajda, u ħadulu quddiemu raġel agħma u talbuh imissu. Qabad l-agħma minn idu u ħadu barra mir-raħal, beżaqlu f’għajnejh, qiegħed idejh fuqu u staqsieh: “Qiegħed tara xi ħaġa?”. Dak ħares ’il fuq u qal: “Qiegħed nara n-nies, imma qiegħed narahom donnhom siġar mexjin”.
Imbagħad raġa’ qegħedlu jdejh fuq għajnejh, u beda jara ċar: u kien imfejjaq, hekk li sar jara kollox tajjeb mill-bogħod ukoll. Bagħtu lura lejn daru, u qallu: “Qis li ma tgħid xejn meta tmur ir-raħal”.