Il-Ħamis tal-Ottava tal-Għid
Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: Atti 3, 11-26
Salm: 8, 2a u 5.6-7.8-9
L-Evanġelju: Lq 24, 35-48
F’dak iż-żmien, id-dixxipli ta’ Għemmaws kienu qegħdin itarrfu x’kien ġralhom fit-triq, u kif kienu għarfu lil Ġesù fil-qsim tal-ħobż. Kif kienu għadhom jitkellmu, Ġesù nnifsu waqaf f’nofshom u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”. Huma twerwru bil-biża’ għax ħasbu li qegħdin jaraw xi fantażma. Iżda hu qalilhom: “Għaliex tħawwadtu? Għaliex dan it-tħassib kollu f’qalbkom? Araw idejja u riġlejja. Jiena hu! Missuni, u ifhmuha li l-ispirtu ma għandux laħam u għadam bħalma qegħdin taraw li għandi jien”. Huwa u jgħidilhom dan, uriehom idejh u riġlejh.
Iżda billi huma, fil-ferħ tagħhom, kienu għadhom ma jridux jemmnu u baqgħu mistagħġba, qalilhom: “Għandkom xi ħaġa tal-ikel hawn?”. Huma ressqulu quddiemu biċċa ħuta mixwija, u hu ħadha u kielha quddiemhom. Imbagħad qalilhom: “Meta kont għadni magħkom għedtilkom dawn il-kelmiet: Jeħtieġ li jseħħ kulma nkiteb fuqi fil-Liġi ta’ Mosè, fil-Profeti u fis-Salmi”.
Imbagħad fetħilhom moħħhom biex jifhmu l-Iskrittura. U qalilhom: “Hekk kien miktub: li l-Messija jbati u fit-tielet jum iqum mill-imwiet, u li l-indiema għall-maħfra tad-dnubiet tixxandar f’ismu lill-ġnus kollha, ibda minn Ġerusalemm. Intom xhud ta’ dan”.