Qari tal-jum

L-Ewwel Qari: Eżek 16:1-15,60,63
Salm: 
Iż 12:2-3,4bċd,5-6

L-Evanġelju: Mt 19:3-12

F’dak iż-żmien, resqu fuq Ġesù xi Fariżej biex iġarrbuh, u qalulu: “Jista’ wieħed jitlaq lil martu fuq xi ħaġa, tkun xi tkun?” Iżda hu qalilhom: “Ma qrajtux li sa mill-bidu l-Ħallieq għamilhom raġel u mara, u qal: ‘Minħabba f’hekk raġel iħalli lil missieru u ’l ommu u jingħaqad ma’ martu u t-tnejn isiru ġisem wieħed’? Għalhekk mhumiex iżjed tnejn, imma ġisem wieħed. Mela dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem.”

Qalulu: “Mela allura għaliex ordna Mosè li żewġha jagħtiha l-kitba tad-divorzju u jibgħatha?” Qalilhom: “Kien minħabba l-ebusija ta’ qalbkom li Mosè takom il-permess tibagħtu n-nisa tagħkom. Iżda ma kienx hekk mill-bidu. U ngħidilkom, li min jibgħat lil martu – barra l-każ ta’ żwieġ ħażin – u jiżżewweġ oħra jkun ħati ta’ adulterju.”

Qalulu d-dixxipli: “Mela ladarba din hi l-kondizzjoni tar-raġel mal-mara, ma jaqbilx li wieħed jiżżewweġ.” Iżda hu qalilhom: “Mhux kulħadd jifhimha din il-ħaġa, imma dawk li lilhom jingħata li jifhmuha. Hemm ewnuki li jitwieldu hekk minn ġuf ommhom, oħrajn jagħmluhom hekk in-nies, u hemm oħrajn li jsiru hekk minn rajhom minħabba s-Saltna tas-Smewwiet. Min jista’ jifhem, jifhem.”

Qaddis tal-jum: San Stiefnu tal-Ungerija