Qari tal-jum

L-Ewwel Qari: Ġer 18:18-20
Salm:
30 (31):5-6,14,15-16

L-Evanġelju: Mt 20:17-28

F’dak iż-żmien, huwa u tiela’ lejn Ġerusalemm, fit-triq Ġesù sejjaħ lit-Tnax weħidhom madwaru u qalilhom: “Araw, issa aħna telgħin Ġerusalemm, u Bin il-bniedem se jingħata f’idejn il-qassisin il-kbar u l-kittieba; dawn jaqtgħuhielu għall-mewt, jerħuh f’idejn il-pagani biex jiddieħku bih, u jagħtuh is-swat u jsallbuh; u fit-tielet jum iqum”.

Imbagħad resqet lejh omm ulied Żebedew flimkien ma’ wliedha, u nxteħtet quddiemu titolbu xi ħaġa. “Xi trid?”. staqsieha. U hi qaltlu: “Ordna li dawn iż-żewġ uliedi joqogħdu wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fuq ix-xellug fis-Saltna tiegħek”. U Ġesù wieġeb: “Ma tafux x’intom titolbu. Għandkom ħila tixorbuh il-kalċi li se jkolli nixrob jien?”. Qalulu: “Għandna”. Qalilhom: “Il-kalċi tiegħi, tixorbuh, iva, imma li wieħed joqgħod fuq il-lemin jew ix-xellug tiegħi, din mhijiex ħaġa li nagħtiha jien, imma hi għal dawk li għalihom hi mħejjija minn Missieri”.

L-għaxra l-oħra, meta semgħu dan, inkurlaw għaż-żewġt aħwa. Imma Ġesù sejħilhom u qalilhom: “Tafu intom, fost il-pagani l-kapijiet qegħdin biex jikkmandawhom, u l-kbarat biex iħaddmu fuqhom is-setgħa. Fostkom ma għandux ikun hekk; imma min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu jkun l-ilsir tagħkom. Hekk ukoll Bin il-bniedem, ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fida għall-kotra”.