Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: Ġer 11:18-20
Salm: 7:2-3,9bċ-10,11-12
L-Evanġelju: Ġw 7:40-53
F’dak iż-żmien, meta xi wħud min-nies semgħu kliem Ġesù, qalu: “Tassew dan hu l-Profeta.” Oħrajn qalu: “Dan hu l-Messija.” Iżda xi wħud qalu: “Mela l-Messija għandu jiġi mill-Galilija? Ma tgħidx l-Iskrittura li l-Messija għandu jiġi min-nisel ta’ David u minn Betlehem, ir-raħal minn fejn kien David?” Hekk in-nies ma qablux bejniethom minħabba fih.
Xi wħud minnhom riedu jaqbduh, iżda ħadd ma medd idejh fuqu. L-għases reġgħu lura għand il-qassisin il-kbar u l-Fariżej, u dawn qalulhom: “Dan kif ma ġibtuhx magħkom?” L-għases qalulhom: “Qatt ħadd ma tkellem bħalu, dan il-bniedem!” Qabżu l-Fariżej u qalulhom: “Intom ukoll tqarraqtu? Hemm xi ħadd mill-kapijiet u l-Fariżej li emmen fih? Imma dawn x’qabda nies misħuta, li l-Liġi ma jafuhiex!”
Wieħed minnhom, jismu Nikodemu, dak li qabel kien mar għand Ġesù, qabeż u qalilhom: “Jaqaw il-Liġi tagħna tikkundanna lil xi ħadd qabel ma tisma’ lilu stess ħalli tkun taf x’inhu jagħmel?” U huma qalulu: “M’intix int ukoll mill-Galilija, hux? Fittex fl-Iskrittura, ħalli tara li ebda profeta ma jqum mill-Galilija!” U wieħed wieħed telqu lejn djarhom.