Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: Apok 1, 1-4; 2, 1-5a
Salm: 1, 1-2.3.4 u 6
L-Evanġelju: Lq 18, 35-43
Waqt li Ġesù kien riesaq lejn Ġeriko, kien hemm wieħed agħma bilqiegħda mal-ġenb tat-triq jittallab il-karità. Dan sama’ l-kotra tan-nies għaddejja u beda jistaqsi x’ġara. U qalulu li kien għaddej Ġesù ta’ Nazaret. Hu qabad jgħajjat u jgħid: “Ġesù, Bin David, ikollok ħniena minni!”. Dawk li kienu mexjin quddiem bdew iċanfruh u jsikktuh, imma hu aktar issokta jgħajjat: “Bin David, ikollok ħniena minni!”.
Ġesù waqaf u ordna li jressquhulu quddiemu. Meta resaq, staqsieh: “Xi tridni nagħmillek?”. “Li nara, Mulej!” wieġbu dak. U Ġesù qallu: “Ara, iva! Il-fidi tiegħek salvatek”. U minnufih beda jara, u baqa’ miexi warajh jagħti glorja lil Alla. U l-poplu kollu li ra dan beda jfaħħar lil Alla.
Qaddisa tal-jum: Santa Margerita tal-Iskozja