Qari tal-jum

L-Ewwel Qari: Eżodu 1:8-14,22
Salm:
123 (124):1-3,4-6,7-8

L-Evanġelju: Mt 10:34 – 11:1

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-appostli tiegħu: “Taħsbux li jiena ġejt inġib il-paċi fuq l-art! Ġejt inġib mhux il-paċi, imma s-sejf. Iva, ġejt nifred lill-bniedem minn missieru, lill-bint minn ommha, u lill-mara minn omm żewġha; u l-bniedem ikollu n-nies ta’ daru stess għedewwa tiegħu.

Min iħobb lil missieru jew lil ommu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun miegħi; min iħobb lil ibnu jew lil bintu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun tiegħi. U min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistħoqqlux li jkun miegħi. Min isib lil ħajtu, jitlifha; u min jitlef lil ħajtu minħabba fija jsibha. Min jilqa’ lilkom jilqa’ lili, u min jilqa’ lili jkun jilqa’ lil dak li bagħatni. Min jilqa’ profeta għax hu profeta, ħlas ta’ profeta jieħu; u min jilqa’ bniedem ġust għax hu ġust, ħlas ta’ wieħed ġust jieħu. U kull min jagħti mqar tazza ilma frisk lil xi ħadd minn dawn l-iżgħar għax hu dixxiplu, tassew ngħidilkom li ma jitlifx il-ħlas tiegħu.”

Meta mbagħad Ġesù temm jagħti dawn it-twissijiet lit-tnax-il dixxiplu tiegħu, telaq minn hemm biex jipprietka fl-ibliet tagħhom.