Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: Atti 25:13b-21
Salm: 102 (103):1-2,11-12,19-20ab
L-Evanġelju: Ġw 21:15-19
F’dak iż-żmien, Ġesù deher lid-dixxipli tiegħu. Wara li kielu xi ħaġa, Ġesù qal lil Xmun Pietru: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni int aktar minn dawn?” Wieġbu: “Iva, Mulej, int taf li nħobbok.” Qallu: “Irgħa l-ħrief tiegħi.”
Staqsieh għat-tieni darba: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni int?” Wieġbu: “Iva, Mulej, int taf li nħobbok.” Qallu: “Irgħa n-nagħaġ tiegħi.”
Għat-tielet darba staqsieh: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni?” Pietru ħass għafsa ta’ qalb għax staqsieh għat-tielet darba, “Tħobbni?”. U qallu: “Mulej, int taf kollox, inti taf li nħobbok.” Qallu Ġesù: “Irgħa n-nagħaġ tiegħi. Tassew tassew ngħidlek, meta kont żagħżugħ, kont titħażżem waħdek u tmur fejn trid; imma meta tixjieħ, int tiftaħ idejk u ħaddieħor iħażżmek u jieħdok fejn ma tkunx trid!”
Dan qalu biex ifisser b’liema mewta kien sejjer jagħti glorja lil Alla. Imbagħad Ġesù ssokta jgħidlu: “Ejja warajja.”