• San Mattew 1:18-24

      It-tnissil ta’ Ġesù l-Messija sar hekk: ommu Marija, wara li tgħarrset ma’ Ġużeppi, qabel ma marru joqogħdu flimkien, saret omm bil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu. Żewġha Ġużeppi, li kien raġel ġust u ma riedx ixandarha quddiem kulħadd, għamel il-ħsieb li jibgħatha bil-moħbi tan-nies. Meta kien għadu qiegħed jaħsibha, deherlu anġlu tal-Mulej fil-ħolm u qallu: “Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu  s-Santu. Hi se jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom.” Dan kollu ġara biex iseħħ dak li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal:

      ‘Ara, ix-xebba tnissel u jkollha iben,
      u jsemmuh Għimmanu-El’,

      Li bi lsienna jfisser ‘Alla magħna’. Ġużeppi, meta qam, għamel kif ordnalu l-anġlu tal-Mulej, u ħa lil martu għandu.

      Festa tal-Knisja: L-Għasar Antifoni: “O Mexxej tad-Dar”
      Qaddisa tal-jum: Beata Giulia Nemesia Valle,  San Gazju, Isqof