Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: Mik 2, 1-5
Salm: 9 (10), 22-23.24-25.28-29.35
L-Evanġelju: Mt 12, 14-21
F’dak iż-żmien, il-Fariżej ħarġu u bdew jiftiehmu bejniethom kontra Ġesù, kif se jeqirduh. Ġesù sar jaf b’dan u telaq minn hemm. Ħafna nies marru warajh u fejjaqhom kollha, u ordnalhom bis-sħiħ biex ma jurux min kien, biex hekk iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta Iżaija, meta qal:
“Ara l-Qaddej tiegħi li jiena ħtart, l-għażiż tiegħi li bih ruħi tgħaxxqet! Jien inqiegħed l-Ispirtu tiegħi fuqu u hu jxandar il-ġustizzja lill-ġnus. Ma jiksirha ma’ ħadd, ma jgħollix leħnu u ħadd ma jisma’ leħnu fil-pjazez. Qasba mġelġla ma jiksirhiex, u musbieħ inemnem ma jitfihx, sa ma jwassal il-ġustizzja għar-rebħa, u f’ismu jittamaw il-ġnus”.