Qari tal-jum

L-Ewwel Qari: Mħal 13:2-7,24-25a
Salm:
70 (71):3-4a,5-6ab,16-17

L-Evanġelju: Lq 1:5-25

Fi żmien Erodi, sultan tal-Lhudija, kien hemm qassis jismu Żakkarija, mit-taqsima ta’ Abija; martu, li kien jisimha Eliżabetta, kienet minn ulied Aron. It-tnejn kienu nies ġusti quddiem Alla u jimxu bla nuqqas ta’ xejn skont il-preċetti u l-kmandamenti kollha tal-Mulej. Ulied ma kellhomx, għax Eliżabetta ma setax ikollha, u t-tnejn kienu mdaħħlin fiż-żmien.

Mela ġara li Żakkarija kien qiegħed jaqdi dmiru ta’ qassis quddiem Alla, għax kien imissha t-taqsima tiegħu, u, skont id-drawwa tal-liturġija, intgħażel hu bix-xorti biex jidħol ġewwa fis-santwarju tal-Mulej ħalli jaħraq l-inċens. Waqt ir-rit tal-inċens, il-kotra kollha tal-poplu kienet qiegħda titlob barra. U deherlu anġlu tal-Mulej, wieqaf in-naħa tal-lemin tal-altar tal-inċens. Żakkarija, malli rah, tħawwad u waqa’ biża’ fuqu. Imma l-anġlu qallu: “Tibżax, Żakkarija, għax it-talba tiegħek instemgħet: martek Eliżabetta se tagħtik iben, u inti ssemmih Ġwanni. Din tkun għalik ħaġa li tqanqlek bil-ferħ u thennik ħafna, u jkun hemm bosta li jifirħu bit-twelid tat-tifel. Għax hu jkun kbir quddiem il-Mulej; ma jkun jixrob ebda nbid jew xorb qawwi, u jimtela bi spirtu qaddis sa minn ġuf ommu. Huwa jreġġa’ lil ħafna minn ulied Iżrael lejn il-Mulej Alla tagħhom, u hu ġej qabel il-Mulej, mimli bl-ispirtu u l-qawwa ta’ Elija, biex iraġġa’ l-qlub tal-missirijiet lejn uliedhom, u lil dawk li ma jridux jobdu jreġġagħhom għall-għaqal tal-ġusti, ħalli jlesti poplu mħejji sewwa għall-Mulej.”.

Imma Żakkarija qal lill-anġlu: “Kif inkun żgur minn dan? Għax jiena raġel xiħ, u marti mdaħħla fiż-żmien.” Wieġeb l-anġlu u qallu: “Jiena Gabrijel, li qiegħed quddiem Alla. Hu bagħatni nkellmek u nwassallek din il-bxara t-tajba. U issa, talli int ma emmintx kliemi, li għad iseħħ meta jasal il-waqt, ara, int tibqa’ mbikkem u ma tkunx tista’ titkellem sa dakinhar li jiġri kulma ħabbartlek.”

Sadattant il-poplu kien qiegħed jistenna lil Żakkarija, u kulħadd stagħġeb bid-dewmien tiegħu fis-santwarju. Meta mbagħad ħareġ, ma setax ikellimhom, u ntebħu li kellu xi dehra fis-santwarju. Beda jfehemhom bis-sinjali, u baqa’ mbikkem.

Wara li mbagħad għalaqlu ż-żmien tas-servizz tiegħu, raġa’ lura lejn id-dar. Xi żmien wara, martu Eliżabetta nisslet fil-ġuf, u għal ħames xhur sħaħ fittxet li tinħeba min-nies, għax bdiet tgħid: “Hekk għamel miegħi l-Mulej, li għoġbu jneħħili minn fuqi l-għajb li kelli quddiem in-nies!”