-
Qari tal-jum
-
L-Ewwel Qari: Ġen 6, 5-8; 7, 1-5.10
Salm: 28 (29), 1a u 2.3aċ-4.3b u 9b-10L-Evanġelju: Mark 8, 14-21
-
F’dak iż-żmien, id-dixxipli nsew jieħdu l-ħobż, u ma kellhomx ħlief ħobża waħda magħhom fid-dgħajsa. Ġesù wissiehom u qalilhom: “Iftħu għajnejkom, oqogħdu attenti mill-ħmira tal-Fariżej u mill-ħmira ta’ Erodi!”. Huma bdew jgħidu bejniethom: “Dan għax m’għandniex ħobż”.
Ġesù induna u qalilhom: “X’intom tgħidu bejnietkom li ma għandkomx ħobż? Għadkom ma ntbaħtux u ma fhimtux? X’ebusija ta’ ras għandkom? Għandkom għajnejn u ma tarawx, għandkom widnejn u ma tisimgħux? Ma tiftakrux meta qassamt il-ħames ħobżiet bejn il-ħamest elef ruħ, kemm-il qoffa ġbartu mimlija bil-bċejjeċ li kien fadal?”. Qalulu: “Tnax”. “Meta qassamt is-seba’ ħobżiet bejn l-erbat elef ruħ, kemm-il qoffa ġbartu bil-bċejjeċ li kien fadal?”. Qalulu: “Sebgħa”. “U għadkom ma fhimtux?”, qalilhom.