Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: Efes 2, 1-10
Salm: 99 (100), 2.3.4.5
L-Evanġelju: Lq 12, 13-21
F’dak iż-żmien, xi ħadd mill-folla qal lil Ġesù: “Mgħallem, għid lil ħija jaqsam il-wirt miegħi”. Wieġbu Ġesù: “Ħabib, min qegħedni mħallef fuqkom, jew qabbadni nqassmilkom il-ġid bejnietkom?”. Imbagħad qal lin-nies: “Iftħu għajnejkom u ħarsu rwieħkom minn kull regħba, għax imqar jekk wieħed ikollu bir-radam, ħajtu ma tiddependix mill-ġid li jkollu”.
U qalilhom parabbola: “Wieħed raġel għani ġabar kotra ta’ frott mir-raba’ tiegħu. U beda jaħseb u jgħid bejnu u bejn ruħu: “X’se nagħmel? Għax dan il-frott kollu ma għandix fejn naħżnu!”. Qal: “Ara x’nagħmel, inħott l-imħażen li għandi u nibni oħrajn akbar, u naħżen fihom il-qamħ u l-ġid kollu li għandi. Imbagħad ngħid lili nnifsi: Ruħi, għandek ħażna kbira ta’ ġid għal bosta snin; mela strieħ, kul, ixrob, ixxala!”. Iżda qallu Alla: “Iblah li int! Dan il-lejl stess jitolbuk ruħek lura. U l-ħwejjeġ li ħejjejt għalik, ta’ min ikunu?”. Hekk jiġrilu min jiġma’ l-ġid għalih innifsu bla ma jistagħna quddiem Alla”.
Qaddis tal-jum: San Pawl tas-Salib, Presbiteru