Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: 1 Kor 15, 35-37.42-49
Salm: 55 (56), 10.11-12.13-14
L-Evanġelju: Lq 8, 4-15
F’dak iż-żmien, inġemgħet kotra kbira ta’ nies li kienu ġejjin lejn Ġesù minn kull belt, u hu qalilhom din il-parabbola: “Wieħed bidwi ħareġ jiżra’ ż-żerriegħa li kellu. Huwa u jiżra’, xi żerrigħat waqgħulu mal-mogħdija u ntrifsu, u l-għasafar tal-ajru naqqruhom kollha. Oħrajn waqgħu fuq il-blat, u nibtu u nixfu, għax tira ma kellhomx. Oħrajn waqgħu qalb ix-xewk, u x-xewk kiber magħhom u ħonoqhom. Oħrajn waqgħu f’art tajba, u nibtu u għamlu l-frott kull waħda mija”. Kif qal dan, rafa’ leħnu u qal: “Min għandu widnejn biex jisma’, ħa jisma’!”
Id-dixxipli tiegħu staqsewh x’kienet dik il-parabbola. U hu qalilhom: “Lilkom ingħata li tagħrfu l-misteri tas-Saltna ta’ Alla, iżda lill-bqija bil-parabboli, biex iħarsu u ma jarawx, u jisimgħu u ma jifhmux.
Il-parabbola, mela, hija din: iż-żerriegħa hi l-kelma ta’ Alla. Dawk ta’ matul il-mogħdija huma dawk li jisimgħu, imbagħad jiġi x-Xitan u jaħtfilhom il-Kelma minn qalbhom, li ma jmorrux jemmnu u jsalvaw. Dawk ta’ fuq il-blat huma dawk li, meta jisimgħu l-Kelma, jilqgħuha bil-ferħ, iżda billi ma jkollhomx għeruq jemmnu għal ftit taż-żmien, u meta jiġi fuqhom it-tiġrib jitilqu. Dawk li jaqgħu qalb ix-xewk huma dawk li jisimgħu, iżda aktar ’il quddiem l-inkwiet żejjed u l-għana u l-pjaċiri tal-ħajja joħonquhom u l-frott tagħhom ma jsirx. Imma dawk li jaqgħu f’art tajba huma dawk li jisimgħu l-Kelma b’qalb tajba u sinċiera, jgħożżuha, u jagħmlu l-frott billi jżommu sħiħ”.
Qaddis tal-jum: San Ġennaru, Isqof u Martri