Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: Ġen 17, 3-9
Salm: 104 (105), 4-5.6-7.8-9
L-Evanġelju: Ġw 8, 51-59
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lil-Lhud: “Tassew tassew ngħidilkom li min iħares il-kelma tiegħi ma jara qatt il-mewt”. Qalulu l-Lhud: “Issa tassew nafu li għandek Xitan fik. Abraham miet, u l-profeti wkoll; u inti tgħid: “Jekk xi ħadd iħares kelmti ma jduq qatt il-mewt”. Jaqaw int akbar minn missierna Abraham li miet? U l-profeti wkoll mietu. Inti x’taħseb li int?”.
Wieġeb Ġesù: “Li kieku kelli nagħti glorja lili nnifsi, il-glorja tiegħi ma kienet tkun tiswa xejn. Imma dak li lili qiegħed jagħtini l-glorja huwa l-Missier, dak li intom tgħidu li hu Alla tagħkom, u madankollu ma għaraftuhx. Imma jiena nafu, u kieku kelli ngħid li ma nafux, kont inkun giddieb bħalkom. U mhux biss nafu, imma wkoll inħares il-kelma tiegħu. Missierkom Abraham qabeż bil-ferħ għall-ħsieb li kien se jara l-jum tiegħi, u rah u feraħ”.
Qalulu l-Lhud: “Għadek anqas għalaqt il-ħamsin u rajt lil Abraham?”. Qalilhom Ġesù: “Tassew tassew ngħidilkom, qabel ma kien Abraham, jiena hu”. Għalhekk il-Lhud qabdu l-ġebel biex iwaddbuhulu; imma Ġesù nħbielhom u ħareġ mit-tempju.