Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: Sir 44:1,9-13
Salm: 149 (150):1-2,3-4,5-6a & 9b
L-Evanġelju: Mk 11:11-26
Wara d-daħla messjanika f’Ġerusalemm, Ġesù baqa’ sejjer fit-tempju, ta ħarsa madwaru, u mbagħad, billi kien ġa sar il-ħin, ħareġ biex imur Betanja mat-Tnax.
L-għada, kif ħarġu minn Betanja, ħadu l-ġuħ. Mill-bogħod lemaħ siġra tat-tin kollha weraq, u mar jara jsibx xi ħaġa fiha. Imma, kif resaq ħdejha, ma sabilha xejn ħlief weraq, għax it-tin kien għadu mhuwiex żmienu. U qalilha: “Qatt iżjed ma jkun hawn min jiekol frott minnek għal li ġej!” U d-dixxipli tiegħu semgħuh.
U waslu Ġerusalemm. Kif daħal fit-tempju, qabad ikeċċi l-bejjiegħa u x-xerrejja li kien hemm fit-tempju, qaleb l-imwejjed tas-sarrafa tal-flus u s-siġġijiet ta’ dawk li kienu jbigħu l-ħamiem, u ma ħalla lil ħadd mgħobbi b’xi ħaġa jaqsam mit-tempju. U beda jgħallimhom u jgħidilhom: “Ma hemmx miktub: li d-dar tiegħi tkun tissejjaħ dar it-talb għall-ġnus kollha? Intom, imma, għamiltuha għar tal-ħallelin!”.
Dan wasal f’widnejn il-qassisin il-kbar u l-kittieba, u bdew jaraw x’jagħmlu biex jeqirduh; għax huma kienu jibżgħu minnu, billi l-poplu kollu kien mimli bil-għaġeb għat-tagħlim tiegħu. Filgħaxija mbagħad ħarġu barra mill-belt.
Filgħodu kmieni, huma u għaddejjin minn hemm, raw is-siġra tat-tin imnixxfa sa mill-għeruq. Pietru ftakar, u qallu: “Ara Rabbi, it-tina li sħett int nixfet”. U Ġesù wieġeb u qalilhom: “Emmnu f’Alla! Tassew ngħidilkom, li jekk xi ħadd jgħid lil din il-muntanja: “Intrefa u nxteħet il-baħar”, bla ma joqgħod jitħasseb f’qalbu imma jemmen li dak li jgħid ikun se jsir, isirlu żgur. Għalhekk ngħidilkom: kulma titolbu fit-talb tagħkom, emmnu li tkunu ġa qlajtuh, u jingħatalkom. U meta tkunu weqfin titolbu, jekk ikollkom xi ħaġa kontra xi ħadd, aħfru, biex ukoll Missierkom li hu fis-smewwiet jaħfer lilkom il-ħtijiet tagħkom”.
Qaddisin tal-jum: San Marċellinu u San Pietru, martri