Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: Mikea 7:14-15,18-20
Salm: 102 (103):1-2,3-4,9-10,11-12
L-Evanġelju: Lq 15:1-3,11-32
F’dak iż-żmien, il-pubblikani u l-midinbin kienu jersqu lejn Ġesù bi ħġarhom biex jisimgħuh. U kemm il-Fariżej u kemm il-kittieba kienu jgemgmu u jgħidu: “Nies midinba jilqa’ għandu dan u jiekol magħhom!” U Ġesù qabad u qalilhom din il-parabbola:
“Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied. Iż-żgħir qal lil missieru: ‘Missier, agħtini s-sehem li jmiss lili mill-ġid.’ U dak qassmilhom il-ġid. Ma kinux għaddew wisq ġranet, meta ż-żgħir sarr kollox u telaq minn beltu lejn pajjiż imbiegħed, u hemmhekk berbaq ġidu kollu f’ħajja mtajra. Meta ħela kulma kellu, fuq dak il-pajjiż waqa’ ġuħ kbir, u beda jħoss ruħu fil-bżonn. U mar daħal ma’ wieħed minn dak il-pajjiż, li bagħtu fir-raba’ tiegħu jirgħa l-ħnieżer. Kien jixtieq kieku jimla żaqqu mqar bil-ħarrub li kienu jieklu l-ħnieżer, imma ħadd ma kien jagħtih.
Imbagħad daħal fih innifsu u qal: ‘Kemm lavranti ma’ missieri għandhom ħobż bix-xaba’, u jien qiegħed hawn immut bil-ġuħ! Ħa nqum u mmur għand missieri, u ngħidlu: Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek; żommni b’wieħed mil-lavranti tiegħek.’ Qam, u telaq għal għand missieru.
Iżda kif kien għadu fil-bogħod missieru lemħu u tħassru, u b’ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu. Qallu ibnu: ‘Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek.’ Iżda l-missier qal lill-qaddejja tiegħu: ‘Isaw! Ġibulu l-isbaħ libsa u xidduhielu, libbsulu ċ-ċurkett f’sebgħu u s-sandli f’riġlejh! Ġibu l-għoġol l-imsemmen u oqtluh, ħa nieklu u nagħmlu festa, għax dan ibni kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab!’ U għamlu festa.
Mela ibnu l-kbir kien fl-għalqa. Huwa u rieġa’ lura, kif wasal qrib id-dar sama’ daqq u żfin. Sejjaħ wieħed mill-qaddejja u staqsieh dak x’kien. Qallu dak: ‘Hawn ħuk, u missierek qatillu l-għoġol l-imsemmen, għax raġa’ kisbu qawwi u sħiħ.’ Hu inkorla, u ma riedx jidħol ġewwa, iżda missieru ħareġ jitolbu jidħol. ‘Ara,’ qal lil missieru: ‘ili dawn is-snin kollha naqdik, kelmtek ma ksirthielek qatt, u kieku qatt tajtni gidi lili biex nagħmel ikla u nifraħ ma’ ħbiebi! Imbagħad jiġi dan ibnek, li belagħlek ġidek man-nisa żienja, u lilu toqtollu l-għoġol l-imsemmen!’ Qallu missieru: ‘Ibni, inti dejjem miegħi, u kulma hu tiegħi huwa tiegħek. Imma kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan ħuk kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab.'”