-
-
San Mattew 6:1-6.16-18
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Qisu li l-għemil tajjeb tagħkom ma tagħmluhx għal wiċċ in-nies biex tidhru quddiemhom, għax inkella ma jkollkomx ħlas mingħand Missierkom li hu fis-smewwiet.
Mela meta tagħmel karità, tmurx iddoqq it-trombi quddiemek, kif jagħmlu dawk ta’ wiċċ b’ieħor fis-sinagogi u fit-triqat, biex in-nies tfaħħarhom. Tassew, ngħidilkom, li l-ħlas tagħhom ġa ħaduh. Iżda int, meta tagħmel karità, idek ix-xellugija m’għandhiex tkun taf x’inhi tagħmel il-leminija, biex hekk il-karità tiegħek issir fil-moħbi, u Missierek, li jara dak li hu moħbi, iroddlok hu.
U meta titolbu, tkunux bħal dawk ta’ wiċċ b’ieħor, għax dawk iħobbu joqogħdu jitolbu bilwieqfa fis-sinagogi u f’salib it-toroq, biex jidhru quddiem in-nies. Tassew, ngħidilkom, li l-ħlas tagħhom ġa ħaduh. Iżda int, meta titlob, idħol fil-kamra tiegħek ta’ ġewwa, agħlaq il-bieb warajk, u itlob lil Missierek li hu fil-moħbi; u Missierek, li jara dak li hu fil-moħbi, iroddlok hu.
Meta ssumu, tqarrsux wiċċkom, bħalma jagħmlu dawk ta’ wiċċ b’ieħor, għax dawn ikerrhu wiċċhom biex quddiem in-nies jidhru li huma sajmin. Tassew, ngħidilkom, li l-ħlas tagħhom ġa ħaduh. Iżda int, meta tkun sajjem, idlek xagħrek u aħsel wiċċek, biex mhux quddiem in-nies tidher li tkun sajjem, imma quddiem Missierek li hu fil-moħbi; u Missierek, li jara dak li hu fil-moħbi, iroddlok hu”.