Qari tal-jum

L-Ewwel Qari: Apok 4:1-11
Salm:
150:1-2,3-4,5-6

L-Evanġelju: Lq 19:11-28

F’dak iż-żmien, Ġesù qal parabbola, għax kien qrib Ġerusalemm, u n-nies kien mingħalihom li s-Saltna ta’ Alla kienet se tidher minnufih. Mela qal: “Wieħed raġel nobbli siefer f’pajjiż fil-bogħod biex jagħmluh sultan u mbagħad jerġa’ lura. Sejjaħ għaxar qaddejja tiegħu, tahom għaxar miniet u qalilhom: ‘Ħaddmuhom, sa ma nerġa’ niġi.’ Issa n-nies ta’ pajjiżu kienu jobogħduh, u bagħtu ambaxxata warajh biex jgħidu: ‘Ma rriduhx lil dan isaltan fuqna.’ Ġara li, meta ħa s-saltna u raġa’ lura, bagħat isejjaħ lil dawk il-qaddejja li kien tahom il-flus, biex ikun jaf kif ħaddmuhom u x’qalgħu. Resaq l-ewwel wieħed u qallu: ‘Sinjur, bil-mina tiegħek qlajt għaxar miniet.’ Qallu: ‘Sewwa, qaddej tajjeb! Ladarba kont fidil f’ħaġa tassew żgħira, ħu f’idejk is-setgħa fuq għaxart ibliet.’ Ġie t-tieni wieħed u qallu: ‘Sinjur bil-mina tiegħek daħħalt ħames miniet.’ Lil dan ukoll qallu: ‘U int ħu taħt idejk ħamest ibliet.’

U ġie ieħor u qallu: ‘Sinjur, hawn ara l-mina tiegħek li jien żammejt merfugħa f’maktur. Għax jien bżajt minnek billi inti bniedem aħrax, li tfittex dak li ma ħżintx, u taħsad dak li ma żrajtx.’ Qallu: ‘Fuq kliemek stess nagħmel ħaqq minnek, ja qaddej ħażin! Kont taf li jiena bniedem aħrax, infittex dak li ma ħżintx u naħsad dak li ma żrajtx. Mela għax ma mortx tqiegħed flusi l-bank biex meta niġi kont niġbidhom bl-imgħax?’ Imbagħad qal lil ta’ madwaru: ‘Ħudulu l-mina u agħtuha lil dak li għandu l-għaxar miniet.’ Qalulu: ‘Imma, sinjur, għandu għaxar miniet!’ ‘Ngħidilkom li kull min għandu, jingħatalu; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu. Lil dawk l-għedewwa tiegħi mbagħad li ma ridunix insaltan fuqhom, morru ġibuhom hawn u agħtuhom il-mewt quddiemi.’”

Kif qal dan, Ġesù qabad it-triq u beda tiela’ lejn Ġerusalemm, miexi quddiem l-oħrajn.