Qari tal-jum

L-Ewwel Qari: 1 Mak 1:10-15,41-43,54-57,62-64
Salm:
118 (119):53,61,134,150,155,158

L-Evanġelju: Lq 18, 35-43

Waqt li Ġesù kien riesaq lejn Ġeriko, kien hemm wieħed agħma bilqiegħda mal-ġenb tat-triq jittallab il-karità. Dan sama’ l-kotra tan-nies għaddejja u beda jistaqsi x’ġara. U qalulu li kien għaddej Ġesù ta’ Nazaret.

Hu qabad jgħajjat u jgħid: “Ġesù, Bin David, ikollok ħniena minni.” Dawk li kienu mexjin quddiem bdew iċanfruh u jsikktuh, imma hu aktar issokta jgħajjat: “Bin David, ikollok ħniena minni!”

Ġesù waqaf u ordna li jressquhulu quddiemu. Meta resaq, staqsieh: “Xi tridni nagħmillek?” “Li nara, Mulej!”, wieġbu dak. U Ġesù qallu: “Ara, iva! Il-fidi tiegħek salvatek.”

U minnufih beda jara, u baqa’ miexi warajh jagħti glorja lil Alla. U l-poplu kollu li ra dan beda jfaħħar lil Alla.