Qari tal-jum

L-Ewwel Qari: Imħ 9:6-15
Salm:
20 (21):2-3,4-5,6-7

L-Evanġelju: Mt 20:1-16a

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu din il-parabbola: “Ara, is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil wieħed sid li ħareġ filgħodu kmieni ħafna biex isib nies tax-xogħol u jħaddimhom fl-għalqa tiegħu tad-dwieli. Ftiehem ma’ xi ħaddiema b’dinar kuljum u bagħathom l-għalqa. Ħareġ ukoll madwar it-tielet siegħa, ra oħrajn qegħdin fil-pjazza, bla xogħol, u qalilhom: “Morru intom ukoll l-għalqa, u nagħtikom li jkun ħaqqkom”. U marru. Raġa’ ħareġ għal xi s-sitt siegħa u mbagħad għal xi d-disgħa siegħa, u għamel l-istess.

Għall-ħabta tal-ħdax-il siegħa raġa’ ħareġ u sab oħrajn qiegħda, u qalilhom: “Għaliex qegħdin hawn il-jum kollu ma tagħmlu xejn?”. Qalulu: “Għax ħadd ma qabbadna”. Qalilhom: “Morru intom ukoll l-għalqa”.

Għal filgħaxija mbagħad sid l-għalqa qal lill-prokuratur tiegħu: “Sejjaħ lill-ħaddiema u ħallashom, ibda minn dawk li ġew l-aħħar u spiċċa b’dawk tal-ewwel”. Ġew dawk li daħlu għax-xogħol fil-ħdax-il siegħa u ħadu dinar kull wieħed. Ġew tal-ewwel, u stennew li kienu se jirċievu iktar, iżda huma wkoll ħadu dinar kull wieħed. Huma u jitħallsu qabdu jgemgmu kontra s-sid u jgħidu: “Dawn tal-aħħar siegħa waħda għamlu, u int qisthom bħalna li tgħabbejna bil-piż tal-jum u s-sħana!”.

Qabeż is-sid u qal lil wieħed minnhom: “Ħabib, minn xejn ma nqastek jien; mhux b’dinar ftehemt miegħi? Ħu li jmissek u itlaq. Lil dan tal-aħħar irrid nagħtih daqs kemm tajt lilek. Ma nistax nagħmel li rrid bi ħwejġi jien? Jew qiegħed tgħir għax jien qalbi tajba?”.

Hekk tal-aħħar jiġu l-ewwel, u tal-ewwel jiġu l-aħħar”.

Qaddisa tal-jum: Santa Roża ta’ Lima, verġni