Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: Lhud 9:15,24-28
Salm: 97 (98):1,2-3ab,3ċd-4,5-6
L-Evanġelju: Mark 3:22-30
F’dak iż-żmien, il-kittieba li kienu niżlu minn Ġerusalemm bdew jgħidu: “Dan Ġesù għandu fih lil Begħelżebul”, u wkoll: “Dan bis-saħħa tal-Prinċep tax-xjaten qiegħed ikeċċihom ix-xjaten”. Hu sejħilhom lejh u beda jkellimhom bil-parabboli: “Kif jista’ x-Xitan ikeċċi x-Xitan? Jekk saltna tinqasam fiha nfisha, dik is-saltna ma tistax iżżomm wieqfa. U jekk familja tinqasam fiha nfisha, dik il-familja ma tistax iżżomm wieqfa. Li kieku mela x-Xitan qam kontra tiegħu nnifsu u nfired, ma kienx jista’ jżomm sħiħ, imma jkun wasal fit-tmiem.
Ħadd ma jista’ jidħol fid-dar ta’ wieħed qawwi u jaħtaflu ġidu jekk qabel ma jkunx rabat lil dak il-qawwi; imbagħad id-dar jaħtafhielu żgur. Tassew ngħidilkom, kollox jinħafrilhom lil ulied il-bniedem, id-dnubiet u d-dagħa kollu li jidgħu. Imma min jieqaf lill-Ispirtu s-Santu ma jkollu qatt maħfra; jibqa’ ħati għal dejjem”. Għax kienu qalu: “Għandu fih spirtu ħażin”.