Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: Gal 2:19-20
Salm: 33:2-11
L-Evanġelju: Ġw 15:1-8
F’dak iż-żmien: Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jiena d-dielja vera u Missieri l-bidwi. Kull fergħa fija li ma tagħmilx frott hu jneħħiha; u kull waħda li tagħmel frott inaddafha, biex tagħmel frott aktar. Intom ġa ndaf minħabba fil-kelma li għidtilkom. Ibqgħu fija, u jiena nibqa’ fikom. Kif il-fergħa ma tistax tagħmel frott minnha nfisha jekk ma tibqax fid-dielja, hekk anqas intom jekk ma tibqgħux fija.
Jiena d-dielja, intom il-friegħi. Min jibqa’ fija, u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott; għax mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn. Jekk wieħed ma jibqax fija, jintrema barra bħal fergħa, u jinxef; imbagħad jiġbruhom u jixħtuhom fin-nar u jinħarqu. Jekk tibqgħu fija u kliemi jibqa’ fikom, itolbu kulma tridu, u dan ikun mogħti lilkom. B’dan jissebbaħ Missieri, billi tagħmlu ħafna frott, u hekk tkunu dixxipli tiegħi.”
Qaddisa tal-jum: Santa Briġida tal-Iżvezja, Reliġjuża u Patruna tal-Ewropa