Qari tal-jum

L-Ewwel Qari: Apok 18:1-2,21-23; 19:1-3,9a
Salm:
99 (100):2,3,4,5

L-Evanġelju: Lq 21:20-28

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Meta mbagħad taraw lil Ġerusalemm magħluqa minn kullimkien bl-eżerċti, tkunu tafu li l-qerda tagħha tkun waslet. Ħa jaħarbu mbagħad lejn il-muntanji dawk li jkunu fil-Lhudija u jitbiegħdu minnha dawk li jkunu ġo nofsha, u ma jerġgħux lura fiha dawk li jkunu fir-raba’; għax dawk ikunu jiem il-kastig li fihom iseħħ kulma hemm miktub. Jaħasra għalihom in-nisa li f’dawk il-jiem ikunu tqal jew ireddgħu! Għax hemm kbir jaqa’ fuq il-pajjiż, u korla fuq dan il-poplu. In-nies jaqgħu taħt il-qilla tas-sejf, u jittieħdu lsiera fost il-pagani kollha; u Ġerusalemm tibqa’ tintrifes taħt saqajn il-ġnus sa ma jkun għadda żmien il-ġnus.

U jkun hemm sinjali fix-xemx u l-qamar u l-kwiekeb. Il-ġnus fuq l-art, b’qalbhom ittaqtaq, ma jafux x’jaqbdu jagħmlu minħabba l-ħsejjes tal-baħar u tal-imwieġ; in-nies ruħhom ħierġa bil-biża’ billi jobsru x’ikun ġej fuq id-dinja, għax il-qawwiet tas-smewwiet jitqallbu. Imbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fi sħaba, b’qawwa u glorja kbira. Meta jibda jseħħ dan kollu, qawwu qalbkom u erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib”.

Qaddis tal-jum: Sant’Andrija Dung Lac, presbiteru u sħabu, martri