Sant Ġakbu, Appostlu – Festa
Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: 2 Kor 4: 7-15
Salm: 125: 1-6
L-Evanġelju: Mt 20:20-28
F’dak iż-żmien: Resqet fuq Ġesù omm ulied Żebedew, flimkien ma’ wliedha, u nxteħtet quddiemu titolbu xi ħaġa. “Xi trid?” staqsieha. U hi weġbitu: “Ordna li dawn iż-żewġ uliedi joqogħdu wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fuq ix-xellug fis-Saltna tiegħek.” Imma Ġesù wieġeb u qal: “Ma tafux x’intom titolbu. Għandkom il-ħila tixorbuh il-kalċi li għandi nixrob jien?” “Għandna,” qalulu. “Il-kalċi tiegħi tixorbuh tassew,” qalilhom, “imma li wieħed joqgħod fuq il-lemin jew ix-xellug tiegħi, din mhix ħaġa tiegħi biex nagħtiha jien, imma hi għal dawk li għalihom kienet imħejjija minn Missieri.”
Il-għaxra l-oħra, meta semgħu dan, inkorlaw għaż-żewġt aħwa. Imma Ġesù sejħilhom u qalilhom: “Tafu intom, il-kapijiet tan-nazzjonijiet jaħkmu fuqhom, u l-kbarat iħaddmu s-setgħa tagħhom fuqhom. Fostkom m’għandux ikun hekk; imma min fostkom irid ikun kbir, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu joqgħod l-ilsir tagħkom. Hekk ukoll Bin il-bniedem; hu ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.”