San Stiefnu, l-Ewwel Martri – Festa
Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: Atti 6, 8-10; 7:54-59
Salm: 30, 3cd-4.6ab.7b.8a.16
L-Evanġelju: Mt 10, 17-22
F’dak iż-żmien: Ġesù qal lill-appostli tiegħu: “Oqogħdu attenti mill-bniedem! Għax għad jerħukom f’idejn il-qrati u jagħtukom is-swat fis-sinagogi tagħhom; itellgħukom quddiem gvernaturi u slaten minħabba fija, biex tagħtu xhieda quddiemhom u quddiem il-pagani. Iżda meta jerħukom f’idejhom, tinkwetawx ruħkom kif sa titkellmu jew x’sa tgħidu, għax dak il-ħin stess jingħatalkom xi jkollkom tgħidu.
Għax mhux intom tkunu li titkellmu, imma l-Ispirtu ta’ Missierkom ikun qiegħed jitkellem permezz tagħkom. L-aħwa jwasslu ’l xulxin għall-mewt u l-missier lil ibnu, u l-ulied iqumu kontra l-ġenituri tagħhom biex tinqatgħalhom għall-mewt. U lilkom kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi; imma min jibqa’ jżomm sħiħ sal-aħħar, dan isalva”.