-
-
Qari tal-jum
-
L-Ewwel Qari: 2 Tim 1: 1-8
Salm: 95, 1-3.7-8aL-Evanġelju: Luqa 10: 1-9
-
F’dak iż-żmien: Il-Mulej qabbad tnejn u sebgħin oħra u bagħathom tnejn tnejn qablu f’kull belt u post fejn kien sejjer hu. U qalilhom: “Il-ħsad hu kbir, tassew, imma l-ħaddiema ftit. Itolbu mela ’l sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu. Morru! Araw, qiegħed nibgħatkom bħal ħrief qalb l-ilpup. Teħdux magħkom, la but, la ħorġa u lanqas qrieq, u fit-triq issellmu ’l ħadd.
Fid-dar fejn tidħlu, l-ewwel għidu, ‘Sliem lil din id-dar.’ U jekk fiha jkun hemm bin is-sliem, jistrieħ is-sliem tagħkom fuqu; jekk le, it-tislima tagħkom terġgħalkom lura għandkom. Ibqgħu għand dik il-familja, u kulu u ixorbu milli jkollhom huma, għax il-ħaddiem ħaqqu ħlasu. Toqogħdux idduru mingħand familja għal oħra. F’kull belt li fiha tmorru u jilqgħukom, kulu dak li jqegħdulkom quddiemkom; fejqu l-morda tagħha, u lin-nies għidulhom, ‘Is-Saltna ta’ Alla waslitilkom.’”
Qaddisin tal-jum: San Titu u San Timotju, Isqfijiet