It-Tlieta tas-Seba’ Ġimgħa tal-Għid
Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: Atti 20, 17-27
Salm: 67 (68), 10-11.20-21
L-Evanġelju: Ġw 17, 1-11a
F’dak iż-żmien, Ġesù rafa’ għajnejh lejn is-sema u qal: “Missier, waslet is-siegħa; agħti glorja lil Ibnek biex l-Iben jagħti glorja lilek, bħalma int tajtu s-setgħa fuq kull bniedem biex jagħti l-ħajja ta’ dejjem lil dawk kollha li inti fdajtlu.
Din hi l-ħajja ta’ dejjem, li jagħrfu lilek, Alla waħdek veru, u lil Ġesù Kristu, li inti bgħatt. Jien igglorifikajt lilek fuq l-art billi temmejt ix-xogħol li tajtni nagħmel. U issa, Missier, igglorifika lili għandek, bil-glorja li kelli miegħek qabel ma kienet id-dinja. Jiena għarraft ismek lill-bnedmin li inti tajtni mid-dinja. Kienu tiegħek, u inti tajthom lili, u huma ħarsu kelmtek. Issa jafu li dak kollu li tajtni ġej minnek; għaliex il-kliem li int tajt lili jiena tajtu lilhom, u huma laqgħuh u għarfu tabilħaqq li jiena ħriġt minnek, u emmnu li inti bgħattni.
Jiena għalihom nitlob; ma nitlobx għad-dinja, imma għal dawk li inti tajtni, għaliex huma tiegħek, u dak kollu li hu tiegħi huwa tiegħek, u dak li hu tiegħek huwa tiegħi, u jien igglorifikat permezz tagħhom. U jien ma għadnix aktar fid-dinja, iżda huma għadhom fid-dinja, u jiena ġej għandek”.
Qaddis tal-jum: San Filippu Neri, Presbiteru