Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: Lam 2, 2.10-14.18-19
Salm: 73 (74), 1-2.3-5a.5b-7.20-21
L-Evanġelju: Mt 8, 5-17
F’dak iż-żmien, Ġesù daħal Kafarnahum, u resaq fuqu wieħed ċenturjun jitolbu bil-ħerqa u jgħidlu: “Sinjur, id-dar għandi l-qaddej mixħut, mifluġ u batut wisq”. Qallu Ġesù: “Niġi jien infejqu”. Qallu ċ-ċenturjun: “Sinjur, ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi. Iżda int għid kelma biss, u l-qaddej tiegħi jfiq. Għax jien ukoll bniedem taħt is-setgħa ta’ ħaddieħor, u jien stess għandi suldati taħti; lil wieħed ngħidlu: “Mur!”, u jmur; lil ieħor ngħidlu: “Ejja!”, u jiġi; u lill-ilsir tiegħi ngħidlu: “Agħmel dan!”, u jagħmlu”.
Ġesù baqa’ mistagħġeb meta sama’ dan, u qal lil dawk li kienu miexja warajh: “Tassew, ngħidilkom, f’ħadd minn Iżrael ma sibt fidi bħal din. Jiena ngħidilkom li għad jiġu ħafna mil-Lvant u mill-Punent u joqogħdu fuq il-mejda ma’ Abraham u ma’ Iżakk u ma’ Ġakobb fis-Saltna tas-Smewwiet, waqt li dawk li twieldu fis-Saltna jitkeċċew ’il barra fid-dlam; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien”. Imbagħad Ġesù qal liċ-ċenturjun: “Mur, ħa jsirlek kif emmint”. U l-qaddej fieq dak il-ħin stess.
Ġesù mar fid-dar ta’ Pietru, u ra li omm il-mara ta’ Pietru kienet mixħuta bid-deni. Messilha idha, u d-deni ħallieha; imbagħad qamet u bdiet isservih. Filgħaxija mbagħad ġabulu quddiemu bosta li kienu maħkuma mixxitan, u bil-kelma tiegħu keċċa l-ispirti, u fejjaq il-morda kollha. Biex hekk seħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta Iżaija, meta qal: “Hu rafa’ fuqu d-dgħufija tagħna, u tgħabba bil-mard tagħna”.
Qaddis tal-jum: San Ċirillu ta’ Lixandra, Isqof u Duttur tal-Knisja