Qari tal-jum

L-Ewwel Qari: 2 Slaten 24:8-17
Salm:
78 (79),:1-2,3-5,8,9

L-Evanġelju: Mt 7:21-29

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Mhux kull min jgħidli: ‘Mulej, Mulej’, jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet, iżda min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet! F’dak il-jum ikun hemm ħafna li jgħiduli: ‘Mulej, Mulej, mhux f’ismek ħabbarna aħna, u mhux f’ismek keċċejna x-xjaten u f’ismek għamilna ħafna mirakli?’ Imbagħad jien ngħidilhom: ‘Lilkom qatt ma kont nafkom! Warrbu minn quddiemi, intom li tagħmlu l-ħażen!’

Għalhekk, kull min jisma’ dan kliemi u jagħmel li qiegħed ngħid jien, isir jixbah lil bniedem għaqli li bena daru fuq il-blat. Niżlet ix-xita, ġew il-widien, qamu l-irwiefen u ħabtu fuq dik id-dar, iżda ma ġġarrfitx għax kellha s-sisien tagħha fuq il-blat. Imma kull min jisma’ dan kliemi u ma jagħmilx li qiegħed ngħid jien, isir jixbah lil bniedem iblah li bena daru fuq ir-ramel. Niżlet ix-xita, ġew il-widien, qamu l-irwiefen u ħabtu fuq dik id-dar, u ġġarrfet; u kbira kienet il-qerda tagħha!”

Ġara li, meta Ġesù temm dan id-diskors, in-nies baqgħu mistagħġba bit-tagħlim tiegħu, għax u kien jgħallimhom bħal wieħed li għandu s-setgħa, u mhux bħall-kittieba tagħhom.

Qaddis tal-jum: San Ċirillu ta’ Lixandra, Isqof u Duttur tal-Knisja