Qari tal-jum

L-Ewwel Qari: Lhud 10, 11-18
Salm: 109 (110), 1.2.3.4

L-Evanġelju: Mk 4, 1-20

F’dak iż-żmien, Ġesù raġa’ beda jgħallem ħdejn il-baħar, u nġabret madwaru kotra kbira, hekk li kellu jitla’ bilqiegħda f’dgħajsa fuq il-baħar, u n-nies kollha l-art matul ix-xatt. U qagħad jgħallimhom ħafna ħwejjeġ bil-parabboli, u fit-tagħlim tiegħu qalilhom: “Isimgħu. Darba kien hemm bidwi u ħareġ jiżra’. Ġara li hu u jiżra’, xi żerrigħat waqgħu fil-mogħdija; ġew l-għasafar u naqqruhom kollha. Oħrajn waqgħu f’art kollha blat fejn ma kienx hemm wisq ħamrija, u malajr nibtu, għax il-ħamrija ma kinitx fonda; meta mbagħad telgħet ix-xemx, inħarqu u nixfu, billi ma kellhomx għeruq. Oħrajn waqgħu qalb ix-xewk u x-xewk kiber u ħanaqhom, u frott ma għamlux. Oħrajn waqgħu f’art tajba, u għamlu l-frott; u l-frott kiber u tkattar, u min għamel tletin, min sittin, u min mija”. U qal: “Min għandu widnejn biex jisma’, ħa jisma’!”.

Meta kien waħdu, dawk ta’ madwaru flimkien mat-Tnax resqu jitolbuh ifissrilhom il-parabboli. U hu qalilhom: “Lilkom ingħata l-misteru tas-Saltna ta’ Alla, imma l-oħrajn, li huma barra, ikollhom kollox bil-parabboli, ħalli jħarsu kemm iħarsu ma jarawx, u jisimgħu kemm jisimgħu ma jifhmux, li ma jbiddlux ħajjithom u jaqilgħu l-maħfra”.

U qalilhom: “Din il-parabbola m’intomx tifhmuha? Mela kif se tifhmu l-parabboli l-oħra kollha? Dak li l-bidwi jiżra’ hija l-Kelma. Dawk ta’ matul il-mogħdija, fejn inżergħet il-Kelma, huma dawk li malli jisimgħuha, jersaq ix-Xitan u jaħtfilhom il-Kelma li nżergħet f’qalbhom. Dawk li jinżergħu f’art kollha blat huma dawk li meta jisimgħu l-Kelma, minnufih jilqgħuha bil-ferħ, imma għeruq ma jkollhomx, u għalhekk ftit idumu; meta mbagħad jiġi fuqhom l-għawġ, jew isibu min iħabbathom minħabba l-Kelma, malajr jitfixklu. L-oħrajn li jinżergħu qalb ix-xewk huma dawk li jisimgħu l-Kelma, iżda l-inkwiet żejjed għall-ħwejjeġ tad-dinja, ir-rabta mal-ġid tal-art, u l-ġibda għal ħwejjeġ oħra, jidħlu fihom u joħonqulhom il-Kelma, li għalhekk ma tagħmilx frott. Dawk imbagħad li jinżergħu f’art tajba huma dawk li jisimgħu l-Kelma, jilqgħuha, u jagħmlu l-frott, min tletin, min sittin u min mija”.

Qaddis tal-jum: Sant’Anġela Meriċi, verġni