Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: Ġer 7:1-11
Salm: 83 (84):3,4,5-6a u 8a,11
L-Evanġelju: Mt 13:24-30
F’dak iż-żmien, Ġesù ġab parabbola oħra lill-folla u qalilhom: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil wieħed raġel li żara’ żerriegħa tajba fl-għalqa tiegħu. Iżda xħin in-nies kienu reqdin, ġie l-għadu tiegħu, żara’ s-sikrana qalb il-qamħ u telaq.
Meta mbagħad il-qamħ nibet u ħareġ is-sbul, tfaċċat ukoll is-sikrana. Resqu l-qaddejja fuq sid l-għalqa u qalulu: “Sinjur, int mhux żerriegħa tajba żrajt fl-għalqa tiegħek? Mela dis-sikrana mnejn ġiet?” Iżda hu qalilhom: “Dil-biċċa għamilhieli xi għadu tiegħi!”
“Tridx immorru niġbruha?”, qalulu l-qaddejja. Qalilhom: “Le, għax intom u tiġbru s-sikrana għandkom mnejn taqilgħu magħha l-qamħ ukoll. Erħulhom jikbru t-tnejn flimkien sal-ħsad; meta mbagħad jasal il-ħsad, ngħid lill-ħassada: Iġbru s-sikrana l-ewwel, u orbtuha qatta qatta għall-ħruq, imbagħad qiegħdu l-qamħ fil-maħżen tiegħi.”