Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: Rum 8, 26-30
Salm: 12 (13), 4-5.6
L-Evanġelju: Lq 13, 22-30
F’dak iż-żmien, huwa u sejjer lejn Ġerusalemm, Ġesù għadda jgħallem f’xi bliet u rħula. U kien hemm wieħed qallu: “Mulej, jaqaw ftit huma dawk li jsalvaw?”.
U huwa weġibhom: “Tħabtu biex tidħlu mill-bieb id-dejjaq, għax kif ngħidilkom jien, ħafna għad ifittxu li jidħlu u ma jirnexxilhomx. Għax meta sid id-dar ikun qam jagħlaq il-bieb, intom tibqgħu barra, u tibdew tħabbtu l-bieb u tgħidu: “Mulej, iftħilna!”. Iżda hu jweġibkom u jgħid: “Ma nafx mnejn intom”. Imbagħad taqbdu tgħidulu: “Kilna u xrobna miegħek aħna, u int għallimt fil-pjazez tagħna”. Hu jwieġeb u jgħidilkom: “Ma nafx mnejn intom; morru minn quddiemi, intom ilkoll li tagħmlu dak li mhux sewwa!”.
Hemmhekk ikun hemm il-biki u tgħażżiż tas-snien, meta taraw lil Abraham u lil Iżakk u lil Ġakobb u l-profeti kollha fis-Saltna ta’ Alla, u intom imkeċċija ’l barra.
U jiġu nies mil-Lvant u mill-Punent, mit-Tramuntana u min-Nofsinhar, u joqogħdu għall-mejda fis-Saltna ta’ Alla. U araw, hawn min hu tal-aħħar u għad ikun l-ewwel, u hawn min hu tal-ewwel u għad ikun l-aħħar”.