Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: 1 Tess 1:1-5,8b-10
Salm: 149:1-2,3-4,5-6a u 9b
L-Evanġelju: Mt 23:13-22
F’dak iż-żmien, Ġesù beda jitkellem u jgħid: “Ħażin għalikom intom il-kittieba u l-Fariżej, uċuħ b’oħra! Intom tagħlqu s-Saltna tas-Smewwiet għall-bnedmin, u la intom ma tidħlu fiha u lanqas tħallu lil ħaddieħor li jkun irid jidħol!
Ħażin għalikom, intom il-kittieba u l-Fariżej, uċuħ b’oħra! Intom taqsmu l-ibħra u dduru d-dinja kollha biex iddawru bniedem għar-reliġjon tagħkom, u meta tiġbduh għal magħkom tagħmluh bniedem ħaqqu l-infern darbtejn aktar minnkom!
Ħażin għalikom, mexxejja għomja! Intom tgħidu: “Jekk wieħed jaħlef bis-santwarju, il-ħalfa ma tgħoddx; imma jekk jaħlef bid-deheb tas-santwarju, ikollu jrodd”. Boloh u għomja! X’inhu l-aqwa? Id-deheb, jew is-santwarju li jqaddes id-deheb?
Tgħidu wkoll: “Jekk wieħed jaħlef bl-artal, il-ħalfa ma tgħoddx; imma jekk jaħlef bl-offerta ta’ fuq l-artal, ikollu jrodd”. Ja għomja! X’inhu l-aqwa? L-offerta, jew l-artal li jqaddes l-offerta? Mela min jaħlef bl-artal ikun jaħlef kemm bl-artal u kemm b’li jkun hemm fuqu; u min jaħlef bis-santwarju jkun jaħlef kemm bis-santwarju u kemm b’min jgħammar fih; u min jaħlef fuq is-sema jkun jaħlef kemm bit-tron ta’ Alla u kemm b’dak li hemm fuqu”.
Qaddis tal-jum: Santu Wistin, isqof u duttur tal-Knisja