Qari tal-jum

L-Ewwel Qari: Iż 65:17-21
Salm:
29 (30):2,4,5-6,11-12a,13b

L-Evanġelju: Ġw 4:43-54

F’dak iż-żmien, Ġesù telaq mis-Samarija lejn il-Galilija; għax Ġesù stess xehed li profeta ma għandux ġieħ f’pajjiżu. Mela meta wasal il-Galilija, il-Galilin laqgħuh tajjeb billi lkoll raw kulma kien għamel f’Ġerusalemm f’jum il-festa, għax huma wkoll kienu marru għall-festa.

U raġa’ ġie f’Kana tal-Galilija, fejn kien biddel l-ilma fi nbid. Issa f’Kafarnahum kien hemm uffiċjal tas-sultan u kellu lil ibnu marid. Meta sama’ li mil-Lhudija Ġesù kien ġie fil-Galilija, mar għandu jitolbu jinżel u jfejjaqlu lil ibnu, għax kien wasal fl-aħħar. U Ġesù qallu: “Jekk ma tarawx sinjali u għeġubijiet ma temmnux!”. Qallu l-uffiċjal: “Inżel Mulej, qabel ma jmutli t-tifel”. Qallu Ġesù: “Mur, ibnek ħaj”. Ir-raġel emmen il-kelma li qallu Ġesù u telaq.

Huwa u nieżel, iltaqgħu miegħu l-qaddejja tiegħu u qalulu: “Ibnek ħaj!”. Hu staqsiehom xħin kien meta beda jaqleb għall-aħjar, u huma qalulu: “Ilbieraħ fis-seba’ siegħa telqu d-deni”. Il-missier intebaħ li dak kien il-ħin meta Ġesù qallu: “Ibnek jgħix”, u emmen hu u l-familja kollha tiegħu. Dan kien sinjal ieħor, it-tieni wieħed, li għamel Ġesù meta ġie l-Galilija mil-Lhudija.