Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: 1 Ġw 2, 3-11
Salm: 95 (96), 1-2a.2b-3.5b-6
L-Evanġelju: Lq 2, 22-35
Wara li għalqilhom iż-żmien għall-purifikazzjoni tagħhom skont il-Liġi ta’ Mosè, ħadu lil Ġesù Ġerusalemm biex jippreżentawh lill-Mulej, kif hemm miktub fil-Liġi tal-Mulej: “Kull tifel li jitwieled l-ewwel, jiġi kkonsagrat lill-Mulej”, u biex joffru b’sagrifiċċju par gamiem jew żewġ bċieċen, kif jingħad ukoll fil-Liġi tal-Mulej.
F’Ġerusalemm kien hemm wieħed, jismu Xmun, raġel ġust u tajjeb, li kien jistenna l-faraġ ta’ Iżrael u li kellu l-Ispirtu s-Santu fuqu. L-Ispirtu s-Santu kien nebbħu li ma kienx se jara l-mewt qabel ma jara l-Messija tal-Mulej. Mar mela fit-tempju, imqanqal mill-Ispirtu, u xħin il-ġenituri daħlu bit-tarbija Ġesù biex jagħmlulu dak li kienet trid il-Liġi, huwa laqgħu fuq dirgħajh, bierek lil Alla u qal: “Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek imur fis-sliem, skont kelmtek, għaliex għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek li int ħejjejt għall-popli kollha, dawl biex idawwal il-ġnus, u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael”.
Missieru u ommu baqgħu mistagħġba b’dak li kien qiegħed jingħad fuqu. Xmun berikhom, u qal lil ommu Marija: “Ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael; se jkun sinjal li jmeruh, – u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek! – biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta’ ħafna”.