Qari tal-jum

L-Ewwel Qari: 1 Kor 1:17-25
Salm: 
32 (33):1-2,4-5,10ab u 11

L-Evanġelju: Mat 25:1-13

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu din il-parabbola: “Is-Saltna tas-Smewwiet ixebbhuha ma’ għaxar xebbiet li ħarġu bl-imsiebaħ tagħhom biex jilqgħu l-għarus. Ħamsa minnhom kienu boloh u ħamsa għaqlin, għax il-boloh ħadu l-imsiebaħ imma ma ħadux żejt magħhom, waqt li l-għaqlin ħadu mhux biss l-imsiebaħ iżda wkoll iż-żejt fil-kwies. L-għarus iddawwar ma ġie, u għalhekk ilkoll ħadhom in-ngħas u raqdu.

Imbagħad f’nofs ta’ lejl instama’ min jgħajjat: ‘Ara l-għarus! Oħorġu ilqgħuh!’ Dawk ix-xebbiet qamu lkoll u ħejjew l-imsiebaħ tagħhom. Iżda l-boloh qalu lill-għaqlin: ‘Agħtuna ftit żejt minn tagħkom, għax l-imsiebaħ tagħna jintfew.’. Qabżu l-għaqlin u qalu: ‘Għandu mnejn ma jibqax biżżejjed, la għalina u lanqas għalikom! L-aħjar, morru għand tal-ħanut u ixtru għalikom’

Xħin dawk marru biex jixtru jiġi l-għarus; dawk li kienu lesti daħlu miegħu għall-festa tat-tieġ, u l-bieb ingħalaq. Sa fl-aħħar waslu wkoll ix-xebbiet l-oħra, u bdew jgħidu: ‘Sinjur, Sinjur, iftħilna!’ Iżda hu weġibhom u qal: ‘Tassew, ngħidilkom, lilkom ma nafkomx.’

Ishru, mela, għaliex la tafu l-jum u lanqas is-siegħa.”