Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: Lhud 11, 1-2.8-19
Salm: Lq 1, 69-70.71-72.73-75
L-Evanġelju: Mk 4, 35-41
Dakinhar, xħin sar filgħaxija Ġesù qal lid-dixxipli: “Ejjew naqsmu għax-xatt l-ieħor”. Ħallew in-nies, u ħaduh magħhom kif kien fid-dgħajsa; u marru miegħu dgħajjes oħra. U qam riefnu kbir, u l-mewġ beda tiela’ għal ġod-dgħajsa, hekk li kienet ġa bdiet timtela bl-ilma. Hu kien fil-poppa, rieqed fuq imħadda. Qajjmuh u qalulu: “Mgħallem, dan qisu mhu xejn għalik li aħna se nintilfu?”.
Imbagħad qam, ordna lir-riħ u qal lill-baħar: “Iskot! Biżżejjed!”. U r-riħ waqaf u waqgħet kalma kbira. U qalilhom: “Dal-biża’ kollu għaliex? Mela ma għandkomx fidi?”. U qabadhom biża’ kbir, u bdew jgħidu lil xulxin: “Dan min hu, mela, biex saħansitra r-riħ u l-baħar jisimgħu minnu?”.