Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: 2 Sam 15:13-14,30; 16:5-13a
Salm: 3:2-3,4-5,6-7
L-Evanġelju: Mk 5:1-20
F’dak iż-żmien, Ġesù u d-dixxipli tiegħu 1waslu x-xatt l-ieħor tal-baħar u ġew fil-pajjiż tal-Gerasin. Kif niżel mid-dgħajsa, resaq fuqu wieħed, li ħareġ mill-oqbra, li kien maħkum minn spirtu ħażin. Dan kien jgħammar fl-oqbra, u ħadd ma kien jista’ jżommu marbut, anqas b’katina, għax bosta drabi laħqu rabtuh bix-xkiel u bil-ktajjen u hu kien jaqsam il-ktajjen u jkisser ix-xkiel, u ħadd ma kellu l-ħila jżommu. Lejl u nhar kien il-ħin kollu joqgħod qalb l-oqbra jew fuq il-muntanji, jixher u jqatta’ ġismu biż-żrar.
Kif lemaħ lil Ġesù mill-bogħod ġera lejh, inxteħet fl-art quddiemu, u għajjat b’leħen qawwi u qallu: “Aħna x’għandna x’naqsmu, Ġesù, Bin Alla l-Għoli? Aħlifli fuq Alla li ma taħqarnix!” Għax kien qallu: “Oħroġ, ja spirtu ħażin, minn dan il-bniedem!”. Imbagħad staqsieh: “X’jismek?” Wieġbu: “Leġjun jisimni għax aħna ħafna”. U beda jitolbu bil-ħerqa biex ma jkeċċihomx barra mill-pajjiż.
Mela kien hemm merħla kbira ta’ qżieqeż tirgħa mal-ġenb tal-għolja, u l-ispirti talbuh ħafna u qalulu: “Ibgħatna lejn il-qżieqeż ħa nidħlu fihom”. U ħalliehom imorru. L-ispirti ħżiena ħarġu, u daħlu fil-qżieqeż; u l-merħla, li kienet ta’ madwar elfejn ras, inxteħtet għal ġol-baħar mill-għoli tax-xaqliba u għerqet fil-baħar. Ir-rgħajja tagħhom ħarbu u marru jxerrdu l-aħbar mal-belt u l-irziezet, u n-nies ġiet tara x’ġara. Ġew ħdejn Ġesù, u lil dak li qabel kien maħkum mix-xitan u li kellu l-leġjun ġo fih rawh bilqiegħda, liebes u moħħu f’sikktu, u baqgħu miblugħin bil-biża’. In-nies li raw il-ġrajja qalulhom x’kien għadda minn għala l-imxajtan u l-qżieqeż. Imbagħad bdew jitolbuh ħafna lil Ġesù biex iwarrab minn pajjiżhom.
Kif kien tiela’ fuq id-dgħajsa, dak li qabel kien maħkum mix-xitan beda jitolbu ħafna biex iħallih jibqa’ miegħu. Iżda hu ma ħalliehx, u qallu: “Mur inġabar id-dar ma’ niesek, u għidilhom kulma għamel miegħek il-Mulej, u kif ħenn għalik”. Dak telaq, u beda jxandar fid-Dekapoli kemm kien għamel miegħu Ġesù. U kulħadd stagħġeb.
Qaddis tal-jum: San Ġwann Bosco, Presbiteru